B’rabta ma’ rapporti li dehru fil-midja lokali, madwar tliet ġimgħat ilu, Transport Malta ħarġet kjarifika permezz ta’ stqarrija, rigward il-ġarr tal-e-bikes fuq il-Fast Ferry.
Dan hekk kif madwar tliet ġimgħat ilu, persuna għarrfet lill-Awtorità li kienet xtrat biljett għall-Gozo Fast Ferry, u għar-raġuni li l-persuna li tatu l-biljetti ma kinitx indunat li kellu e-bike miegħu, hu ma tħalliex jitla’ abbord, minħabba raġunijiet ta’ proċedura u sigurtà, li huma stabbilti mill-kumpanija li topera dan is-servizz.
Fl-istqarrija ntqal kif l-Awtorità skedat laqgħa għall-15 ta’ Diċembru fid-disgħa ta’ filgħodu, meta ġiet notifikata b’tali każ, iżda minħabba laqgħa oħra urġenti, din il-laqgħa kellha tiġi posposta, bin-notifika ħarġet kważi sagħtejn qabel, jiġifieri, fis-sebgħa u tnax-il minuta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Jonathan Borg, qal li hu mhux se jilgħab ebda logħob politiku, filwaqt li żied jgħid li hu interessat li din il-materja tiġi ċċarata mill-aktar fis.
Qal, “L-awtorità, hi kommessa tiltaqa’ ma’ kulħadd, kif dejjem tagħmel. Hi b’responsabilità, li tiltaqa’ ma’ kull tip ta’ NGO, ma’ kull tip ta’ stakeholder, ma’ kull tip ta’ operatur, u anke individwi li jħossu l-bżonn li għandhom jagħmlu xi ilment jew jiddiskutu mal-awtorità.”
Hu żied jgħid li dawk li kellhom jieħdu sehem fil-laqgħa, ġew mogħtija data ġdida biex jiltaqgħu u jiddiskutu.