Transport Malta bagħtet 31 ittra individwali lill-importaturi u bejjiegħa ta’ karozzi ġodda f’pajjiżna sabiex tavża kontra abbużi speċjalment fid-dawl tal-inċentivi l-ġodda li qed joffri l-Gvern.
L-entità governattiva għamlet dan wara li l-ġimgħa li għaddiet bejjiegħ tal-karozzi allegatament għolla l-prezz ta’ karozzi li jaqgħu taħt l-iskema ta’ inċentiv ta’ €12,000.
Fl-ittra, Transport Malta ttenni li ż-żieda fl-għotjiet li qed jagħti l-Gvern huma intiżi li jħeġġu x-xiri ta’ vetturi elettriċi jew plug-in hybrid.
Dwar dan tkellimna maċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Transport Malta, is-Sur Joseph Bugeja.
Huwa saħaq li fl-aħħar jiem Transport Malta waslilha wkoll li kien hemm bejjiegħa li allegatament għollew il-prezzijiet tal-muturi elettriċi biex jieħdu vantaġġ mill-iskemi tal-Gvern.
Huwa tenna li Transport Malta għamlet kuntatt ukoll mal-Awtorità Maltija għal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur: “L-Awtorità kif inhi obbligata trid issegwi l-andament tas-suq. L-Awtorità għandha d-dettalji tal-importazzjoni tal-vetturi u l-prezijiet tagħhom u tkun qed issegwi b’mod dettaljat kemm vetturi u anke muturi u fuq il-każ u l-informazzjoni li kellha aġixxiet mil-ewwel.”
ONE News staqsa wkoll lis-Sur Bugeja dwar l-andament tal-applikazzjonijiet fil-konfront tal-għotja ta’ €12,000 għal vetturi li huma elettriċi jew plug-in hybrid.
Huwa qalilna hekk: “Kelli wkoll laqgħat mal-importaturi tal-karozzi u milli qed naraw inħoloq l-entużjażmu jiġifieri l-grants riveduti ntlaqgħu tajjeb u hemm konkorrenza għal karozzi elettriċi. Jiġifieri n-numri jidhru li ħa jkunu interessanti.”