L-awtorità Transport Malta se tkun qed tieħu l-passi kollha meħtieġa kontra minn wettaq tniġġis fil-baħar qrib Manoel Island u Tignè Point.
Il-każ seħħ illum meta Transport Malta ġiet informata b’roqgħa żejt li jingħad li rriżultat minn attività ta’ operatur privat.
L-awtorità mmobilizzat ir-riżorsi kollha meħtieġa biex iż-żejt jitneħħa minnufih u jitnaddaf il-baħar, waqt li, flimkien mad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali, ordnat l-għeluq immedjat tal-bajja biswit Tignè Point bħala miżura ta’ prekawzjoni.
L-awtorità qed tinvestiga n-nuqqasijiet li seħħew għal tali tniġġis, waqt li avżat lill-pubbliku biex isegwi l-aġġornamenti għal raġunijiet ta’ sigurtà.