Transport Malta nediet kampanja għax-Xitwa 2023 li tiffoka fuq il-perikli tas-sewqan meta individwu jkun taħt l-influwenza tal-alkoħol.
Din il-kampanja hija mibnija primarjament biex tinħoloq kuxjenza fit-triq biex jiġu evitati l-inċidenti fit-toroq tagħna.
Fi stqarrija Transport Malta spjegat li “Driving is no Different!” tirrapreżenta biss parti mill-isforzi ta’ Transport Malta fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq.
Matul is-sena, ġie spjegat kif l-Awtorità pparteċipat b’mod attiv f’kampanji edukattivi ffukati fuq is-sigurtà fit-toroq, hekk kif l-Awtorità tħoss il-ħtieġa li tinħoloq aktar kuxjenza favur aktar infurzar u edukazzjoni fit-toroq tagħna.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, is-Sur Jonathan Borg, enfasizza l-importanza ta’ kampanji edukattivi bħal dawn li jippromwovu s-sigurtà fit-toroq. Sostna kif il-kampanji tas-Sigurtà fit-Toroq u kampanji kontra x-xorb u s-sewqan isiru matul is-sena kollha, iżda f’dan l-istaġun tal-festi, trid tkun implimentata kampanja effettiva sabiex flimkien nuru aktar responsabbiltà fit-toroq, mhux għalina nfusna biss iżda għal dawk kollha li jużaw it-toroq tagħna.
Din il-kampanja nazzjonali hija appoġġjata mill-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq, id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u l-Ministeru għas-Saħħa.