Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq għal żmien il-festi, Transport Malta, flimkien mal-Pulizija, komplew bl-ispezzjonijiet fit-toroq.
Waqt operazzjoni f’San Pawl il-Baħar twaqqfu 83 vettura, bi 17 minnhom li rriżultaw fi ħruġ ta’ kontravenzjoni.
B’riżultat ta’ din l-ispezzjoni, żewġ vetturi bi pjanċi barranin ġew sekwestrati minħabba ksur serju fir-regolamenti tat-traffiku.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtoritá tat-Trasport, Jonathan Borg, tkellem dwar l-importanza li kull sewwieq josserva r-regolamenti tat-traffiku kemm għall-benefiċċju tiegħu u anke għal ta’ madwaru.
Fl-istqarrija, Transport Malta qalet li operazzjonijiet ta’ din ix-xorta huma meħtieġa biex jiġu infurzati l-istess regolamenti filwaqt li jkollna ambjent sigur għal kulħadd.
Minkejja li dan ix-xogħol isir tul is-sena kollha, l-isforz jiżdied fi żmien il-festi, sabiex it-toroq ikunu aktar siguri.