Il-ħaddiema tas-salvataġġ fil-Marokk komplew bl-operazzjoni delikata sabiex isalvaw aktar nies minn taħt it-tifrik li ħalla t-terremot u li s’issa ħasad il-ħajja ta’ akar minn elfejn persuna.
Qed jiġi rrappurtat kif in-numru tal-mejta mistenni jibqa’ jikber mal-ħin, hekk kif se jibqgħu jinstabu aktar nies.
Il-Gvern tal-Marokk qal kif qed aċċetta l-għajnuna minn bosta pajjiżi, fosthom mir-Renju Unit, Spanja il-Qatar u anke l-Emirati Għarab Magħquda.
Il-midja internazzjonali qed tirrapporta kif permezz ta’ dan it-terremot familji sħaħ spiċċaq maqtula, fosthom missier li qal kif tilef lil martu u lit-tliet uliedu żgħar.
Minkejja li t-terremot ta’ qawwa ta’ 7.2 fuq l-Iskala Richter affettwa l-aktar il-villaġġi fir-reġjun muntanjuż Atlas u l-belt storika ta’ Marrakech, t-theżżiża nħasset ukoll fil-kapitali Rabat, 350km ‘l bogħod, kif ukoll f’Casablanca, Agadir u Essaouira.
L-akbar terremot li qatt għamel fl-istorja tal-Marokk kien dak tal-1960 meta l-belt ta’ Agadir intlaqtet minn terremot ta’ qawwa 6.7 fuq l-iskala Richter u qatel aktar minn 12,000 persuna.