Għaddieli l-ħsieb li nagħmel suwiċidju. Tlift ħafna ħbieb, u dan għax iddeċidejt li ngħix ħajti kif jien bħala persuna omosesswali.
Kliem Luke Azzopardi, żagħżugħ ta’ 19-il sena li spjega li fil-mument li ħassu komdu li joħroġ minn qoxortu u jgħid lil sħabu li hu omosesswali, ma ġiex aċċettat mal-ewwel. Saħansitra anke spiċċa vittma ta’ bullying.
Huwa stqarr: “Meta għamilt il-coming out ħsibt ħafna li ntemm ħajti, jiġifieri m’hux faċli, ovvjament meta nara ċertu ħbieb li ma jkellmukx ovvjament inti bħala persuna iktar ser tingħalaq fik innifsek milli ħa jkollok l-inkuraġġament toħroġ u tkun dak li int.”
Luke qalilna li minħabba l-istigma li teżisti fil-konfront ta’ persuni LGBTIQ, ma ħasshiex faċli biex joħroġ bħala persuna omosesswali, iżda sab wens kbir minn familtu.
“Ovvjament il-familja mhux ser teħodha pjaċevoli mal-ewwel, jiġifieri kull familja hemm konsegwenzi tagħha imma nirringrazzja l’alla li llum il-ġurnta kuntent”, sostna Luke.
Luke spjega li biex illum il-ġurnata jħossu kuntent, fittex ħafna l-għajnuna ta’ ħbieb li aċċettawh kif inhu.
Huwa qal: “Għajnuna kelli ħafna, jiġifieri mill-bidu. L-ewwel li ħriġ open kien ma’ sħabi u mhux ma’ familti, jiġfieri s-sapport kollu ta’ sħabi tawhuli u kieku ma kinux huma ma kontx inkun kuntent kif jien illum.”
Iż-żagħżugħ semma kif fi ftit snin l-ambjent għal persuni LGBTIQ f’Malta nbidel għal wieħed pożittiv u issa jħossu sigur aktar minn qatt qabel.
“Ovvjament meta nara li f’Malta li hija l-ewwel f’dawn id-drittijiet jien bħala persuna tikkoraġġini ħafna mhux biss bħala Malti imma kif ukoll anke meta immur barra minn Malta u nkun nista’ niftaħar li jien Malti u għanda dawn id-drittijiet kollha”, saħaq Luke.
Luke temm b’messaġġ ta’ kuraġġ lil żgħażagħ bħalu.
“Il-Kummenti tiegħi għas-sapport lil ħafna żgħażagħ li għadhom ma ħarġux open u nixtieq ngħidilhom biex ma jibżgħux jieħdu dak il-pass għaliex mhux biss lil sħabek iżda wkoll lill-familja”, kompla jgħid Luke.