Fi tmiem l-ewwel kwart ta’ din is-sena, sitta minn kull mija karozza fit-toroq ta’ pajjiżna ma kinitx taħdem bil-petrol jew bid-diesel biss. Iżda, għalkemm dan il-proporzjon jidher li hu żgħir, anke wara għexieren ta’ snin ta’ politika differenti, iżda l-istatistika turi li l-qalba favur inqas tniġġis qabdet ritmu tajjeb biss fl-aħħar snin.
U meta wieħed iħares lejn l-istatistika ta’ karozzi ġodda li jiżdiedu f’pajjiżna, il-proporzjon hu eżatt bil-maqlub. Indikazzjoni ċara kemm hi qawwija l-mewġa mibdija mill-Gvern Laburista favur tnaqqis drastiku tad-dijossidu tal-karbonju fl-arja.
Fil-fatt, bħalma kienet it-tendenza fl-aħħar żmien, l-inċentivi bla preċedent offruti mill-Istat, li jgħinu lil kulħadd jibdel il-vettura antika u jmur għal dawk li jħammġu inqas, qed ikun rifless fl-istatistika sena wara oħra.
Fl-aħħar ċifri pubbliċi jirriżulta li l-karozzi, li jaħdmu bil-petrol biss, żdiedu minn 208,614 f’Marzu 2023 għal 211,574 sena wara, waqt li dawk li jaħdmu bid-diesel biss naqsu minn 95,052 għal 94,124 fuq medda ta’ 12-il xahar.
Dan ifisser li, bejn Marzu 2023 u Marzu 2024, żdiedu 2,032 karozza li jaħdmu biss bil-petrol jew bid-diesel, inqas minn sitta kuljum. Bil-maqlub, fl-istess żmien, żdiedu b’5,411-il karozza li ma jużawx biss fuel konvenzjonali.
Waqt li l-istokk ta’ karozzi jaħdmu biss bil-petrol jew bid-diesel żdied b’0.7%, dak tal-karozzi li jniġġsu l-inqas kiber bi 38%. Tant li minn kull għaxar karozzi, li żdiedu fuq it-toroq, kienu biss tlieta li jaħdmu biss bi fuel konvenzjonali.
Dan jindika kemm qed ikun hemm rispons qawwi u pożittiv għall-inċentivi li qed jagħti l-Gvern favur il-qalba ambjentali fit-trasport privat, inkluż l-għotja ta’ €11,000 lil kull min jixtri karozza elettrika f’Malta u €12,000 jekk din tinxtara f’Għawdex.
Ma’ dawn jiżdied ukoll il-benefiċċju ta’ €1,000 meta tiġi skrapjata vettura antika u tinxtara oħra ġdida.