Raġel ta’ 24 sena minn Wied il-Għajn, u żewġ irġiel ta’ 28 sena u 27 sena minn Ħaż-Żabbar, qegħdin jinżammu arrestati wara argument li seħħ aktar kmieni dalgħodu f’San Ġiljan.
Waqt l-arrest, tliet pulizija weġġgħu ħafif.
Kienu għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ dalgħodu meta l-pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq Dragunara.
Il-Pulizija marru immedjatament fuq il-post fejn sabu grupp ta’ persuni bi flixken tal-ħġieġ f’idejhom.
Waqt li l-Pulizija kienet qed tikkalma s-sitwazzjoni, ir-raġel ta’ 24 sena allegatament resaq lejn il-Pulizija b’mod aggressiv bil-flixkun imkisser u għalhekk kien kostrett li jintuża’ it-taser gun.
Fl-istess ħin, ir-raġel ta’ 28 sena aggredixxa Pulizija ieħor.
Tim mediku ta l-assistenza lill-persuni involuti u ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura. Aktar tard, il-ġuvni ta’ 28 sena ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi kawża tal-argument li kellu mal-persuni l-oħra, filwaqt li ż-żewġt irġiel l-oħra ma weġġgħux.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
It-tliet irġiel mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.