Matul il-lejl li għadda, membri milll-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga arrestaw raġel Eritrean li għandu 34 sena, mal-wasla tiegħu f’Malta minn Pozzallo. Huwa nstab fil-pussess ta’ madwar 3 kilogrammi ta’ pjanti tal-khat li kienu lesti sabiex jiġu ttraffikati f’dawn il-gżejjer kif ukoll ammont sostanzjali ta’ flus kontanti.
Ir-raġel għadu qiegħed jinżamm mill-Pulizija sabiex jgħin fl-investigazzjonijiet.
Filwaqt li dalgħodu, membri tal-istess skwadra flimkien ma’ dawk mir-Rapid Intervention Unit għamlu raid fl-inħawi tal-Korsa tal-Marsa fejn saret sejba ta’ madwar 41 qartas li kien fihom trab abjad u trab kannella suspettati kokaina u eroina. Dawn il-qratas kienu lesti sabiex jiġu ttraffikati.
Il-Pulizija arrestat żewġt irġiel b’rabta ma’ dan il-każ li għadhom qed jinżammu għall-iktar stħarriġ.
L-investigazzjonijiet dwar dawn iż-żewġ każijiet għadhom għaddejjin.