Il-pulizija Olandiża arrestaw tliet persuni suspettati b’involviment fis-serqa drammatika ta’ elmu tad-deheb imprezzabbli li hu kkunsidrat bħala ikona tal-kultura Rumena u li kien qiegħed għall-wirja f’mużew żgħir fl-Olanda.
Madankollu, l-elmu elaborat li għandu madwar 2,500 sena, għandu ma nstabx.
Is-serqa, li kienet tinkludi wkoll tliet brazzuletti tad-deheb, ixxukkjat lid-dinja tal-arti u l-awtoritajiet tar-Rumanija li kienu silfu dan l-artifatt lill-pajjiż magħruf għas-sigurtà għolja fil-mużewijiet.
Fi stqarrija, il-pulizija Olandiża qalu li s-suspettati kienu qed jiġu interrogati u li ma kienux qed jeskludu li jsiru aktar arresti iżda ma offrew l-ebda dettalji.
Din l-informazzjoni tat xaqq ta’ tama lill-Muzew Drents li kien iffaċċja kritika ħarxa, l-aktar mir-Rumanija, talli allegatament kellu nuqqas ta’ sigurtà fuq il-post.
Il-fama tal-elmu u d-dehra drammatika tiegħu jfisser li dan qatt ma jista’ jinbiegħ faċilment u għalhekk hemm il-biża li jiġi mdewweb għad-deheb. Iżda l-valur ta’ dan ma jikkomparax mal-valur kulturali u storiku tal-elmu hekk kif bħalissa d-deheb iġib €85,000 il-kilo u dan jinżen ftit anqas minn hekk.
Aqra iktar: