Carlos Desira ta’ 23 sena mill-Kalkara, Abubakar Ibrahim Jabril Niġerjan ta’ 40 sena, Muggis Sule ta’ 22 sena u Iljasu Sejdo ta’ 23 sena, mill-Ghana nżammu arrestati wara li ġew akkużati bi traffikar tad-droga wara li ġew arrestati waqt operazzjoni kbira tal-Pulizija fil-Marsa.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li Carlos Desira u Abubakar Ibrahim ġew arrestati bejn il-lejl tal-Ħamis u l-Ġimgħa f’operazzjoni kbira f’remissa fi Triq it-Tigrija fil-Marsa.
Hekk kif il-Pulizija daħlu fir-remissa, iż-żewġ imputati dehru jaqbżu għoli ta’ sular u nofs fi sqaq. Minħabba f’hekk, iż-żewġ akkużati kellhom jittieħdu l-isptar Mater Dei biex jingħataw il-kura.
Fl-isqaq fejn instabu l-akkużati, allegatament instabu qratas tad-droga.
Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Rachel Montebello, il-Prosekuzzjoni spjegat li fir-remissa nstabu 140 qartas eroina, 230 qartas kokaina u 30 qartas kannabis, kollha lesti għall-bejgħ.
Instabu wkoll is-somma ta’ €1,600 fi flus kontanti.
Iż-żewġ akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi fil-konfront tagħhom u Carlos Desira waħdu talab għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fejn qalet kif jista’ jkun hemm intralċ tal-provi.
Il-Qorti kkunsidrat ukoll li jista’ jkun hemm terzi persuni involuti fejn ħarġet ordni ta’ ffriżar tal-assi fil-konfront taż-żewġ akkużati.
Intant, Muggis Sule u Iljasu Sejdo ġew arrestati waqt l-istess operazzjoni f’appartament fil-Marsa.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li t-Taqsima ta’ Kontra l-Immigrazzjoni kienet qed iddur ir-residenzi fi Triq is-Serkin il-Marsa, hekk kif raw il-bibien u t-twieqi ta’ appartament jingħalqu.
Hekk kif il-Pulizija ħabtet fuq il-bieb ta’ dan l-appartament, wieħed mill-akkużati tefa’ basket mimli droga għal isfel u pprova jaqbeż għoli ta’ ħames sulari.
Fl-appartament instabu madwar nofs kilo kannabis u ammont konsiderevoli oħra ta’ qratas tal-kannabis, lesti biex jinbigħu wkoll, u madwar €2,000 fi flus kontanti.
Ġew elevati wkoll 40 mobile, apparat ta’ kameras tas-sigurtà kif ukoll oġġetti oħra b’rabta mat-traffikar tad-droga.
Huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom.