Tliet żgħażagħ ittieħdu l-isptar Mater Dei wara inċident tat-traffiku f’Ta Qali.
Il-każ seħħ għall-ħabta tad-21:15 fil-limiti ta’ Ħ’Attard.
Minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li żagħżugħ ta’ 19-il sena li kien qed isuq karozza tat-tip Mazda Demio, tilef il-kontroll u ħabat ma’ ħajt.
Fil-karozza kellu miegħu żewġ passiġġieri, żagħżugħ ta’ 18-il sena u tfajla ta’ 15-il sena.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanzi li ħadu liż-żgħażagħ l-isptar għal aktar assistenza medika.
Aktar tard, il-passiġġieri ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ħfief filwaqt li x-xufier qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.