Tliet ż-żgħażagħ ingħataw l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet wara li wieġbu ħatja għal akkużi ta’ attentat ta’ serq.
Adison Farrugia ta’ 17-il sena, Lee Formosa ta’ 18-il sena u Brandon Cassar ta’ 19-il sena ġew akkużati li daħlu ġewwa propjetà tad-Dwana u allegatament pruvaw jisgassaw il-bieb.
Iż-żgħażaugħ ta’ 17-il sena waħdu ġie akkużat ukoll li saq vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan, mingħajr ma kien kopert b’polza ta’ assigurazzjoni u mingħajr liċenzja ta’ ċirkolazzjoni, filwaqt li kien fil-pussess ta’ traċċi tal-pjanta Kannabis.
Min-naħa tiegħu, l-avukat ta’ Farrugia spjega li l-klijent tiegħu qed jammetti għall-akkużi kollha ħlief għal akkuża li saq vettura mingħajr ma kien kopert b’polza ta’ assigurazzjoni. Huwa spjega li fis-seduta li jmiss, se jkun qiegħed jippreżenta d-dokumenti neċessarji kollha dwar din l-akkuża.
Iż-żgħażagħ talbu wkoll għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ma sabet l-ebda oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni.
Missirijiet it-tliet ż-żgħażagħ daħlu bħala terzi garanti.
Il-Maġistrat tal-Għassa Marse-Ann Farrugia, tat il-ħelsien mill-arrest lil Adison Farrugia fuq garanzija ta’ €10,000, filwaqt li Lee Formosa u Brandon Cassar ingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija ta’ €7,000.
Huma jridu jiffirmaw fl-Għassa tal-Pulizija u ma jistgħux joħroġ mid-dar matul il-lejl.
L-avukati Matthew Xuereb, Lennox Vella u Jonathan Abela dehru għall-akkużati, filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Sarah Kathleen Zerafa.