Tliet żgħażagħ, ta’ ħmistax u sittax-il sena, ammettew li kienu nvoluti f’serqa fuq barra tal-kampus tal-MCAST fil-Mosta.
Il-każ seħħ fl-erbgħa u għoxrin tax-xahar, meta tnejn mill-akkużati serqu laptop mingħand żagħżugħ ta’ tnejn u għoxrin sena u telqu jiġru.
Il-vittma ġera warajhom, laħaqhom u rnexxielu jieħu l-laptop lura, iżda l-akkużati tawh daqqa ta’ ponn f’wiċċu u telqu jiġru.
L-istudent għamel rapport għand il-Pulizija u baqa’ sejjer f’ċentru tas-saħħa, fejn ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi u anki ġie bżonn il-punti.
Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija ġew identifikati tnejn mis-suspettati li dehru f’filmati minn kameras tas-sigurtà.
It-tielet suspettat ġie identifikat minn informazzjoni li ngħatat lill-Pulizija miż-żewġ żgħażagħ l-oħra.
L-ewwel li tressqu kienu żagħżugħ Malti ta’ sittax-il sena li ma jaħdimx, u student Sirjan ta’ ħmistax-il sena – it-tnejn jgħixu San Pawl il-Baħar.
Huma ammettew akkużi li varjaw minn serq aggravat, ikkawżar ta’ ġrieħi gravi, insult u theddid, fost l-oħrajn.
Il-Qorti wissiethom li l-pieni jistgħu jwasslu għal ħames snin ħabs.
Is-sentenza se tingħata mill-Qorti tal-Minorenni wara li jitlesta r-rapport ta’ qabel is-sentenza.
Huma nħelsu mill-arrest fuq il-kundizzjoni li ma javviċinawx il-vittma u li joqogħdu ’l bogħod mill-kampus tal-MCAST tal-Mosta, li jiffirmaw f’għassa darbtejn fil-ġimgħa, li jkunu d-dar f’ċertu ħinijiet, u garanzija personali ta’ ħamest elef ewro kull wieħed.
It-tielet suspettat, student ta’ sittax-il sena mill-Marokk li wkoll jgħix San Pawl, kien akkużat b’kompliċità fis-serqa billi qgħad jara jekk hux ġejjin nies sakemm seħħ il-każ.
Huwa wkoll ammetta u ngħata ħin biex jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu.
Huwa nħeles mill-arrest fuq l-istess kundizzjonijiet.
Il-Qorti ordnat divjett fuq l-ismijiet tal-aggressuri b’rispett lejn il-vittma.