Tliet żgħażagħ sofrew ġrieħi gravi wara li nqalbet il-karozza f’inċident tat-traffiku f’Ħal Luqa.
L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tat-tlieta neqsin kwart fi Triq l-Ewwel Titjira.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn Kia Rio, misjuqa minn raġel ta’ 30 sena residenti Ħaż-Żabbar, u Toyota Corsa, misjuqa minn żagħżugħ ta’ 18-il sena residenti Ħal Luqa.
B’konsegwenza tal-ħabta t-Toyota nqalbet u l-vettura l-oħra spiċċat fil-ħaxix fil-ġenb tat-triq.
Flimkien maż-żagħżugħ, kien hemm ukoll żewġ passiġġiera, tfajla ta’ 17-il sena residenti l-Birgu u ġuvni ta’ 19-il sena residenti l-Imqabba.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanzi li ħadu t-tliet żgħażagħ l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, huma ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.