Tliet ġuvintur ta’ bejn it-13 u t-22 sena mill-Belt qed ikunu investigati mill-pulizija mill-Għassa tal-Belt, wara li allegatament wettqu serqa minn stabilliment fi Triq it-Teatru l-Antik, il-Belt Valletta.
Il-każ ġara matul il-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis, hekk kif il-Ħamis filgħodu, sid il-ħanut mar l-Għassa biex jirrapporta li kien għadu kif ġie misruq u li sab s-shutter maqlugħ minn postu.
Immedjatament, il-Pulizija marret fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li l-kaxxa tal-flus kienet sgassata u nsteraq ammont ta’ flus kontanti.
Intant, il-pulizija minn investigazzjonijiet intensivi li saru mill-Pulizija tad-Distrett ġew identifikati t-tliet żgħażagħ mill-Belt stess, fejn qed jiġu mitkellmu mill-Pulizija għal aktar stħarriġ.
Dawn it-tliet żgħażagħ mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.