Il-proġett ta’ riġenerazzjoni fil-pixxina tas-Sirens jinsab fi stadju avvanzat. Permezz ta’ investiment ta’ tliet miljun ewro, din mistennija titlesta f’Ġunju ta’ din is-sena, fejn tkun tista titgawda mill-pubbliku.
Waqt żjara fuq is-sit ta’ dan il-proġett, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima saħaq li dan l-investiment sostanzjali juri l-impenn tal-Gvern biex ikun ta’ spalla mal-għaqdiet.
Il-proġett se jara wkoll il-bini ta’ żewġ pixxini oħra flimkien ma’ faċilitajiet sportivi fosthom, kmamar fejn l-atleti jbiddlu, faċilitajiet sanitarji u post għall-ispettaturi.
Min-naħa tiegħu, il-Viċi President tal-klabb tas-Sirens, John Farrugia spjega kif l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, li tikkonsisti fil-bini tal-pixxina, diġà għandha l-pedamenti lesti. Din il-pixxina se tkun ukoll iċċertifikata li nbniet bl-ogħla standards b’mod internazzjonali.
Il-Viċi President tenna li dan l-investiment se jkun utli ferm għall-isportivi tal-klabb, iżda anke dawk għall-klabbs akwatiċi oħra.
Is-Sur Farrugia stqarr: “Ovvjament lilna bħala klabb se jagħti spinta kbira lill-klabb ta’ Malta u anke lill-isport ta’ Malta inġenerali fejn jidħol l-isport akwatiċi.”
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima rringrazzja wkoll lil SportMalta, li kienet strumentali f’diskussjonijiet ma’ diversi klabbs u assoċjazzjonijiet sportivi fil-pajjiż.
Huwa sostna: “Se jkollna faċilità state of the art li tħares dak li huwa l-isport akwatiku, li jkollna faċilitajiet li jagħtu l-għodda neċessarji lill-atleti tagħna u dan kollu sar minħabba li aħna nemmnu li l-isport huwa parti essenzjali mill-ħajja tal-komunitajiet tal-Maltin u l-Għawdxin u hawn se nkunu qed naraw faċilità li mhux biss titgawda mill-klabb u l-membri tiegħu iżda mill-komunità sħiħa ta’ dawn l-inħawi.”