Fi stqarrija mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni tħabbar li tliet uffiċjali pubbliċi ngħataw il-ħatra bħala Segretarji Permanenti fis-Servizz Pubbliku.
Dawn il-ħatriet saru wara li dawn l-uffiċjali ġew innominati mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li, wara li evalwat il-karriera ta’ kull wieħed mill-uffiċjali, irrakkomandat il-ħatra tagħhom lill-President ta’ Malta.
Dr Renzo Degabriele, Mario Borg u Ronald Mizzi ngħataw il-ħatra fi tliet Ministeri differenti.
Dr Renzo Degabriele ġie appuntat Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.
Dr Degabriele għandu esperjenza ta’ 30 sena fis-Servizz Pubbliku u huwa gradwat bħala tabib. Fl-2011 serva fil-kariga ta’ Assistent Direttur fid-Dipartiment tas-Saħħa Primarja u fl-2019 ġie appuntat bħala Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Saħħa fil-Komunità. Fost oħrajn, taħt it-tmexxija tiegħu ġew introdotti numru ta’ servizzi ġodda bħat-Telecare On The Move, u Silver T, kif ukoll ġew rinnovati u miftuħa għadd ta’ ċentri għall-anzjani.
Mario Borg ġie appuntat Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Is-Sur Borg beda l-karriera tiegħu fis-Servizz Pubbliku fl-1994. Fl-2004 issieħeb mad-Dipartiment tal-Economic Policy fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi. Fl-2015 kien appuntat Direttur tal-Istatistika Ekonomika fl-NSO u fl-2020 ingħata l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Gozo Regional Development Authority.
Ronald Mizzi ġie appuntat Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (Malta Vision 2050, Implimentazzjoni u Kordinazzjoni). Mizzi jġorr miegħu esperjenza ta’ 20 sena fl-Ippjanar Ekonomiku, Fondi Ewropej, u żvilupp ta’ politika. Huwa diġà serva fil-kariga ta’ Segretarju Permanenti bejn l-2014 u l-2022 (Ministeru għat-Turiżmu) u bejn l-2022 u l-2024 (Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi).
Is-Servizz Pubbliku jixtieq jirringrazzja u jawgura wkoll lil Christine Schembri u lil John Borg, li wara li laħqu l-età tal-irtirar se jkunu qegħdin jieqfu mill-kariga ta’ Segretarji Permanenti. Dan wara snin kbar ta’ esperjenza u xogħol varju f’karigi differenti fis-Servizz Pubbliku.