Il-Ħadd, waqt l-aħħar parti tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isiru f’Albufiera, l-Portugal bdiet il-fażi tal-gruppi tal-kategorija tat-timijiet tal-irgiel fejn it-tlett timijiet Maltin ma setax ikollhom bidu aqwa wara li rebħu s-sitt logħbiet kollha li lagħbu fihom u aqwa minn hekk għamlu ċert mill-kwalifikazzjoni għal fażi tan-knock out.
It-tim, Malta 1 magħmul mic-champion lokali, Aaron Busuttil u Chris Peplow rebħu kontra Polonja 2 (Maciej Kusak u Sebastian Milewski), 3-2, u aktar tard ma Irlanda 1 (Mark Gleeson u Benny O’Brien), 3-1.
Alex Borg u ibnu Isaac li jiffurmaw Malta 2 f’din l-edizzjoni ta’ dan il-kampjonat kitbu kapitlu ġdid fl-istorja tal-European Billiards & Snooker Association meta saru l-ewwel missier u iben li kkompetew flimkien waqt Kampjonat Ewropew tat-timijiet. Huma rebħu kontra l-uniku tim Ġermaniż (Christian Richter/Lennart Tomei), 3-0 u tard wara nofs inhar xejjnu l-isfida ta’ Belġju 2 (Steven Termote/Tom Vanwelssenaers) bil-punteġġ finali ta’ 3-1.
Malta 3 ta’ Joseph Casha u Philip Ciantar kienu l-ewwel tim li rreġistra żewġ rebħiet. Kmieni għelbu lil Franza 2 (Fabian Monnin u Brian Ochoiski) 3-1, u aktar wara nofs in-nhar kisbu riżultat aħjar ta’ 3-0 kontra Polonja 3 (Michał Kotiuk/Michał Szubarczyk) wara li saħansitra fl-ewwel frame kienu 50 punt minn taħt iżda bi sforż kollettiv dawruh favurhom.
Għada l-Maltin ikollhom l-aħħar konfront tal-grupp u eżatt wara li jintemmu l-logħbiet, jitħabbar is-sorteġġ tat-timijiet li jikkwalifikaw u tibda fażi tan-Knock Out.
L-aħħar logħbiet tat-tliet timijiet Maltin ser ikunu dawn:
11.00 a.m. | Aaron Busuttil/Chris Peplow (Malta 1) | vs | Denys Khmelevskyi/Iulian Boiko (Ukranja 1) |
11.00 a.m. | Alex Borg/Isaac Borg (Malta 2) | vs | Greg Casey/Mark Walsh (Irlanda 2) |
2.30 p.m. | Joseph Casha/Philip Ciantar (Malta 3) | vs | Guilherme Lemos/Francisco Ferreira (Portugal 1) |