Żejtun Red Stars ħasdu lil-leaders Gżira United Veterans hekk kif rebħulhom 5-4 f’logħba ferm interessanti u inċerta sal-aħħar.
It-tim miż-Żejtun xejn ma kien għaddej tajjeb qabel din il-logħba hekk kif kienu tilfu tliet mill-erba’ konfronti li lagħbu. Minkejja kollox, huma affrontaw il-logħba kontra l-Maroons b’kuraġġ kbir b’Eric Saliba li kien l-eroj tagħhom wara li skorja erba’ gowls. Jamie Pace skorja awtogowl sabiex żied id-distakk favur Żejtun. Gżira skorjaw il-gowls tagħhom minn doppjetta ta’ Ian Zammit u gowls oħrajn minn Anthony Ewurum u Gilbert Camilleri Lowell.
Rabat Veterans approfittaw minn dan ir-riżultat hekk kif issa qed jaqsmu l-ewwel post mal-istess Gżira wara li għelbu lil Żurrieq Wolves 4-2. Ir-Rabtin ikkontrollaw din il-logħba sa mill-bidu biż-Żrieraq li minkejja l-isforzi tagħhom ma setgħux jevitaw il-ħames telfa konsekuttiva. Adam Smeir kompla jżomm l-appuntament tiegħu mal-gowl meta skorja tliet gowls b’Kevin Loughborough iżid ieħor. Roderick Caruana skorja doppjetta għal Żurrieq.
Birkirkara St Helen’s telgħu wkoll fl-ewwel post u laħqu lil Rabat u Gżira hekk kif għelbu lil Luxol 6-1. Il-Karkariżi ddominaw lit-tim minn St Andrew’s li kellhom bosta plejers neqsin għal dan il-konfront. Daniel Cremona kien il-protagonista meta skorja tripletta, b’Kevin Sammut jiskorja doppjetta u bi Claudio Calleja li wkoll niżżel ismu fost l-iskorers. Luke Satariano naqqas il-marġni tal-iskor għal Luxol St Andrew’s.
Hibernians telgħu għal disa’ punti fil-klassifika hekk kif għelbu lil MFPA 6-2. Dawn tal-aħħar spiċċaw jilagħbu bi plejer inqas wara biss ħames minuti wara li tkeċċa Aleksandar Ribic u dan effettwa sew il-partita tagħhom. Il-Pawlisti approfittaw b’Leandros Calleja jiskorja doppjetta u b’Alistair Gauci, Ilia Nazarov, Stefan Cauchi u Adrian Lanzon li għaqqdu l-iskor favur it-tim tagħhom. Jonathan Bondin skorja l-uniku gowl tal-MFPA.