Tliet tfajliet Spanjoli nħelsu mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet wara li tressqu l-Qorti akkużati li kkawżaw ġrieħi gravi fuq tfajla oħra u saħansitra ppruvaw iqabbdulha xagħarha bin-nar waqt argument f’Paceville.
Kien fil-21 ta’ Lulju meta t-tliet żgħażagħ kienu waqt attività fi stabbilment f’Paceville meta seħħ argument ma’ studenta Franċiża ta’ 24 sena. Wara li seħħ l-argument huma baqgħu jistennewha barra l-istabbilment u kif ħarġet kaxkruha minn xagħarha u kissrulha idha fil-proċess. It-tfajliet allegatament kienu se jqabdulha xagħarha bin-nar meta kien pront ħareġ ħabib tat-tfajla u kien proprju f’dak il-mument li telqu minn fuq il-post.
It-tliet tfajliet, Maria Concepcion Gimeno Canuto ta’ 18-il sena, u żewġ tfajliet oħra ta’ 16 u 17-il sena, ġew arrestati wara li l-Pulizija għaddewlha l-informazzjoni li kienu qed jogħqodu f’lukanda partikolari.
Fil-Qorti kien hemm preżenti missier il-vittma, hekk kif hu jgħix Malta, fejn it-tliet tfajliet quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia ġew akkużati li kkawżaw ġrieħi gravi fuq persuna oħra u fost oħrajn li kellhom l-intenzjoni li jwettqu omiċidju jew ġrieħi gravi u li kissru l-paċi pubblika.
Il-Maġistrat Ian Farrugia avża lit-tliet żgħażagħ li mhux se jkunu qed imorru lura d-dar qabel jiġi deċiż il-każ fejn ngħataw l-opportunitàli jċemplu lill-ġenituri tagħhom fi Spanja sabiex jgħidulhom b’dak li qed iseħħ.
Kien proprju ftit tal-minuti wara li l-avukati tat-tfajliet, Franco Debono, Marion Camilleri u Daniel Buttigieg li wieġbu ħatja għat-tfajliet fejn il-Qorti wissiethom u qaltilhom biex ma jerġgħux jiġu lura Malta u jirrepetu atitudni simili bħal din għax jispiċċaw f’ċella.
Wara li nstabu ħatja li kkawżaw ġrieħi gravi, kien fuq rakkomandazzjoni tal-avukat Debono li l-Qorti qablet li t-tfajliet jinħelsu mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet għal tliet snin u li għandhom iħallsu multa ta’ €1,000 kull wieħed. Huma ġew mwissija wkoll biex ma javviċinawx lill-vittma għal sena.