Komunitajiet fi tliet stati Awstraljani ġew ordnati jiġu evakwati hekk kif xita qed twassal għal għargħar kbir.
Partijiet mill-pajjiż diġà raw tliet darbiet iktar mix-xita medja li s-soltu tinżel f’Ottubru, f’inqas minn erbgħa u għoxrin siegħa.
Minn tal-inqas ħames mitt dar spiċċaw mgħerrqa, persuna tilfet ħajjitha u oħra ġiet irrappurtat nieqsa f’dan id-diżastru naturali.
L-istat ta’ Victoria, li huwa t-tieni l-aktar stat li jgħixu fih nies fl-Awstralja, kien l-agħar wieħed milqut sa issa, inkluż il-kapitali Melbourne.
Uffiċjali fil-pajjiż sejħu dan l-għargħar bħala wieħed mill-agħar li qatt ra l-istat fl-aħħar deċenji.
F’Tasmania, diversi xmajjar spiċċaw għerqu wara li esperjenzaw mal-erba’ mitt millimetru ta’ xita, filwaqt li fi New South Wales ġew evakwati mas-sitt mitt persuna u mijiet ta’ negozji u proprjetajiet mistennija jegħrqu malli tiżdied ix-xita.