Fl-aħħar tliet snin Gvern Laburista kien katalista għall-bidliet u r-riformi favur il-familji Maltin u Għawdxin.
Din is-sena, il-Gvern tal-Prim Ministru nieda l-Malta Labour Migration Policy, li l-għan tagħha hu li jirriforma l-mod kif jiġu f’pajjiżna ħaddiema minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea. B’din il-politika ssaħħaħ il-kontroll tal-awtoritajiet Maltin, waqt li ttejjeb il-ħarsien tal-ħaddiema kollha.
Il-Gvern daħħal ukoll bosta miżuri biex jiġġieled il-pjaga tal-vjolenza domestika, fosthom bil-ftuħ tal-hub apposta f’Santa Luċija.
Din is-sena, il-Gvern se jkun qed ineħħi għal kollox it-taxxa minn fuq il-prodotti sanitarji għan-nisa kif ukoll oġġetti relati ma’ kura kontra l-kanċer.
Ir-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni jinsabu fuq l-aġenda tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, anke kif qed jitwettqu miżuri mill-inkjesta pubblika Sofia.
Kien hemm it-tnedija tal-liċenzjar tal-kuntratturi u l-bennejja, żdiedu l-ispezzjonijiet mill-OHSA u l-BCA, inħoloq il-helpline 138, waqt li tnieda servizz bla ħlas ta’ avukati u periti lil ċittadini affettwati mill-kostruzzjoni biswit ir-residenzi tagħhom.
Il-Gvern ħabbar ukoll riforma fl-inkjesti maġisterjali, li l-għan tagħha hu li ssaħħaħ ir-responsabilità fil-proċess investigattiv, waqt li jinqatgħu l-abbużi mill-għodod tal-ġustizzja.
Fil-qasam tal-ugwaljanza, pajjiżna kompla jikklassifika fl-aqwa post fost il-pajjiżi Ewropej, waqt li ospita għall-ewwel darba l-Europride.
Fl-aħħar tliet snin, Malta kellha sehem importanti fil-fora internazzjonali. F’Settembru tal-2023, Malta ospitat il-laqgħa importanti tal-MED 9, fejn il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ lill-mexxejja tal-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea.
Fost dawn il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni. Dawn flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew ta’ dak iż-żmien Charles Michel.
Bejn l-2023 u l-2024, Malta kellha siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Maqgħuda. F’perjodu fejn iddominaw il-gwerer fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani, Malta wasslet messaġġ konsistenti dwar il-paċi madwar id-dinja.
Is-sena l-oħra, Malta kellha l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, għall-ewwel darba.
Dwar il-Presidenza Maltija kien hemm qbil fost il-membri stati kollha tal-organizzazzjoni. F’dan il-perjodu, pajjiżna ospita waħda mill-akbar laqgħat internazzjonali, fejn preżenti kien hemm ukoll il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tar-Russja u l-Ukrajna, flimkien mas-Segretarju tal-Istat Amerikan.
F’pajjiżna kien hemm qbil dwar il-futur ta’ din l-organizzazzjoni importanti fi żmien daqstant kruċjali.
Fl-aħħar tliet snin, ġew bosta mexxejja dinjin fostna. Fost dawn kien hemm il-Papa Franġisku, fejn kellu laqgħa sabiħa mill-Maltin.
Tliet snin ta’ Gvern Laburista.
Tliet snin ta’ riformi. Tliet snin ta’ messaġġ favur il-paċi.