Prim Ministru deċiżiv u li jħares ’il quddiem billi jimbotta riformi kbar li qed ikomplu jġibu bidliet pożittivi għall-Maltin u l-Għawdxin.
Kien it-Tnejn, it-tlettax ta’ Jannar 2020.
Tliet snin ilu Robert Abela ħa l-ġurament bħala l-erbatax-il Prim Ministru ta’ Malta.
F’dawn it-tliet snin, il-Prim Ministru Robert Abela ħa d-deċiżjonijiet meħtieġa fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent iżda fuq kollox kien il-Prim Ministru li taħt l-amministrazzjoni tiegħu, Malta rreġistrat l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, anki waqt pandemija.
Kien il-Prim Ministru li kompla jikseb tkabbir ekonomiku li rrimarkaw għalih l-istituzzjonijiet internazzjonali biex imbagħad b’dak il-ġid li qed jinħoloq jinvesti u jwieżen lin-nies.
Il-Prim Ministru kien stqarr, “Illum erġajna wrejna li aħna konna, għadna, u se nibqgħu forza progressiva li għandha ruħ soċjali. Għalhekk, budget wara l-ieħor, inwarrbu fil-ġenb l-awsterità u nżidu s-sostenn tagħna lin-nies. Illum ħabbarna budget bl-akbar investiment rikurrenti fl-edukazzjoni, fis-saħħa, u fil-politika soċjali.”
M’għaddewx xahrejn minn mindu ħa f’idejh it-tmun tal-pajjiż li Robert Abela ma bediex jaffaċċja sfida kbira; dik tal-pandemija globali.
F’dan il-perjodu, il-Prim Ministru ħa deċiżjonijiet importanti, li bihom ħoloq bilanċ bejn il-ħarsien tas-saħħa u l-ekonomija.
Kien stmat li l-pandemija se tħalli eluf ta’ persuni bla xogħol iżda minflok, il-Covid Wage Supplement, salva eluf ta’ impjiegi u ġie assigurat id-dħul ta’ bost familji u negozji.
F’dan iż-żmien, il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika b’investiment ta’ disa’ mitt miljun ewro, li nkluda l-vouchers tal-mitt ewro, li taw injezzjoni ekonomika lin-negozji.
Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna wasslet biex il-prezzijiet tal-enerġija, tal-fjuwil, u tal-qamħ splodew ’il fuq madwar l-Ewropa kollha.
Hawnhekk, il-Gvern ta’ Robert Abela ħa t-triq tal-politika ta’ stabilità, u refa’ hu l-piż minn fuq il-familji u n-negozji.
Sal-aħħar ta’ din is-sena il-Gvern se jkun investa biljun ewro sabiex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija biex Malta għandha fost l-inqas rati ta’ inflazzjoni fl-Ewropa għaliex il-Gvern Malti huwa l-aktar wieħed li qed jgħin lin-nies.
F’laqgħat ma’ mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru Robert Abela stabilixxa ruħu bħala Mexxej li mbotta ’l quddiem il-politika tas-sostenn u mhux tal-awsterità.
Dr Abela kien qal, “Din l-istrateġija, imbagħad, tara kif tirrifletti preċiżament ma’ dak li għamilna aħna bħala Gvern konsistentement għal dawn l-aħħar xhur. L-ewwel meta kellna l-pandemija. Imbagħad, mill-24 ta’ Frar ta’ din is-sena ’l quddiem, meta bdiet il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, fejn ħadna din id-deċiżjoni strateġika li bħala Gvern inżommu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli u tara dik l-istrateġija li qiegħda fuq fomm kull mexxej tal-Istati membri kollha. L-importanza li nipproteġu lin-nies tagħna, l-importanza li nipproteġu lin-negozji tagħna minn din iż-żieda u l-impatt tal-prezzijiet.”
Quddiem sfidi li laqtu lid-dinja, il-Gvern ta’ Robert Abela ma waqafx jaħdem fuq riformi differenti.
Mhux biss dawk soċjali li komplew jagħtu l-akbar żidiet lill-pensjonanti, lill-familji fiċ-children’s allowance, lill-persuni b’diżabilità u l-first time buyers fost oħrajn, iżda anki riformi favur it-tisħiħ tal-governanza, fejn il-Prim Ministru reħa minn idu aktar poteri.
Fost dawn hemm dawk biex jinħatru l-President ta’ Malta, il-membri tal-Ġudikatura u l-metodu ġdid kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Gvern ta’ Robert Abela daħħal ukoll liġijiet li jindirizzaw ir-realtajiet tan-nies, anki permezz tal-emenda fil-liġi tad-divorzju.
Daħħal ukoll liġi dwar l-użu reponsabbli tal-kannabis u d-dħul ta’ liġijiet aktar b’saħħithom tal-IVF sabiex aktar koppji jsiru ġenituri f’pajjiżna stess.
Robert Abela tliet snin Prim Ministru, tliet snin li fihom kompla jġib iżjed bidliet u ma jaċċettax l-istatus quo.
Rigward il-ħtieġa għall-bidla, Robert Abela kien qal hekk: “Għażla waħda biss m’għandux ikun hemm; dik li naċċettaw l-istatus quo, jew ninħbew mir-realitajiet daqslikieku ma jeżistux. Għaliex, meta nagħżlu li nibżgħu mill-bidla, anke bl-iskuża li l-maġġoranza komda kif inhi, inkunu qed ninjoraw lil dawk li ilhom ibatu u li bil-mod il-mod qed jitilfu t-tama. U dik mhux xi ħaġa li rridu naċċettaw.”
Fuq kollox l-istatus quo ma riedx jaċċettah lanqas fl-ambjent quddiem prijoritajiet ġodda li għandu l-pajjiż hekk kif taħt it-tmexxija tiegħu beda l-akbar investiment ambjentali fl-istorja, wegħda elettorali tal-Partit Laburista li bdiet titwettaq, favur aktar spazji ħodor u miftuħa fil-pajjiż.
Dan apparti li diġà nfetħu spazji pubbliċi, fosthom dak ta’ Wied Fulija, il-Qortin f’Għawdex, u parti mill-Park Nazzjonali f’Ta’ Qal filwaqt li kompla jissaħħaħ l-isforz mal-komunità internazzjonali biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima.
Robert Abela huwa l-Prim Ministru li kiseb l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej, id-doppju ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista, bil-Kummissjoni Ewropea tfisser il-Pjan ta’ Rkupru ta’ Malta bħala l-iktar wieħed ambjentali.
Quddiem l-ewwel mandat u l-akbar mandat li qatt ingħata Prim Ministru ta’ Malta indipendenti, Robert Abela jisħaq fuq aktar ħidma li tiżgura futur sabiħ għal pajjiżna.
Huwa kien stqarr, “Futur sabiħ għax għandna fiduċja f’pajjiżna. Fiduċja f’pajjiżna billi ngħinu lin-negozji jinvestu, nieħdu ħsieb l-anzjani tagħna, ngħinu liż-żgħażagħ iwettqu l-ħolm, ma nħallu lill-ebda tifel jew tifla jibqgħu lura u ma nistrieħu qatt fuq dak li ksibna. Għalhekk, aħna l-partit tar-riformi, aħna l-partit tal-ġustizzja soċjali, aħna l-partit tal-aspirazzjoni. Fuq dawn se nibnu futur sabiħ, futur sabiħ f’Għawdex u Malta tagħna, il-pajjiż li tant inħobbu, il-pajjiż li għandna fiduċja fih.”