Michael Caruana Turner ta’ 24 sena minn Birkirkara ġie kkundannat tliet snin ħabs u tteħditlu l-liċenzja għal sentejn oħra wara li tajjar tmien persuni f’San Ġiljan, li wieħed minnhom kien miet, waqt li kien xurban.
L-inċident seħħ fis-6 ta’ Lulju tal-2018, u kien ħasad il-ħajja ta’ Tim Scholten ta’ 19-il sena li eventwalment tilef il-battalja mal-mewt kawża tal-ġrieħi li ġarrab.
Caruana Turner instab ħati li kkaġuna l-mewt ta’ persuna b’negliġenza, li weġġa’ seba’ oħra, li saq b’mod perikoluż u li saq taħt l-influwenza tax-xorb.
Il-karozza ta’ Caruana Turner kienet qed tinstaq b’veloċità ta’ mitt kilometru s-siegħa, meta hu tilef il-kontroll tagħha u spiċċa fuq il-bankina. Apparti li tajjar tmien persuni, ikkaġuna ħsara wkoll fl-għamara tat-triq. Caruana Turner kien ipprova jaħrab minn fuq il-post u l-Qorti semgħet ukoll li ta dettalji foloz lill-Pulizija.
Il-Qorti qalet li hu ċar li dan kollu kien riżultat ta’ negliġenza tas-sewwieq, u l-fatt li kien għadu żgħir fl-età u kellu kondotta nadifa ma’ tnaqqas bl-ebda mod il-gravità tal-każ. Il-Maġistrat Gabriella Vella ordnat ukoll biex Caruana Turner iħallas €3,398 fi spejjeż tal-Qorti.