Raġel li reġa’ qabad il-vizzju tad-droga wara ħdax-il sena, intbgħat tliet snin ħabs wara li nqabad jisraq diversi drabi.
Frank Abdilla ta’ 35 sena u li huwa mingħajr impjieg ammetta li bejn is-27 ta’ Frar u 28 ta’ Marzu seraq erba’ darbiet minn diversi ħwienet fil-Belt Valletta.
Huwa seraq scooters u oġġetti oħra minn ħanut tal-ġugarelli, seraq għodda minn residenza, seraq flus minn stabbiliment tax-xorb u serqa oħra saret minn ħanut fi Triq ir-Repubblika.
Il-valur tal-oġġetti u l-flus li nsterqu f’dawn l-erba’ serqiet jammontaw għal €7,000 .
Fil-Qorti ntqal li l-akkużat waqaf mill-vizzju ħdax-il sena ilu wara li segwa programm ta’ riabilitazzjoni ta’ sentejn. Iżda sfortunatament reġa’ lura għal dan il-vizzju.
Għaldaqstant il-Maġistrat tat sentenza ta’ ħabs effettiva.