Jackson Micallef ta’ 33 sena ntbagħat tliet snin ħabs u ġie ordnat iħallas €1,180 f’danni wara li nstab ħati li ffabrika evidenza falza biex jinkrimina Pulizija bħala predatur sesswali.
Micallef tressaq il-Qorti wara li envelopp mibgħut lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kien irrapportat mal-Pulizija hekk kif fl-istess envelopp kien hemm pen-drive li fuqha kien hemm konverżazzjoni bejn raġel u ġuvni ta’ 17-il sena, fosthom b’ritratti ta’ raġel u l-parti privata tiegħu b’kummenti ta’ natura sesswali.
Fl-istess envelopp kien hemm karta bl-isem tal-Pulizija u kif ukoll fejn jaħdem, liema envelopp wassal biex il-Pulizija spiċċa taħt investigazzjoni u mressaq il-Qorti fuq akkużi relatati mal-pedofelija.
Wara li ġiet analizzata l-evidenza kollha, irriżulta kif il-konverżazzjoni kienet tidher iffabbrikata bl-investigazzjoni wasslet lill-Pulizija għal Micallef, li rriżulta li kien għadda l-pen drive lill-ħabib li kien jaħdem fil-Ministeru. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech semgħet kif waqt l-interrogazzjoni l-akkużat ried ipattiha lill-Pulizija wara li l-istess individwu kien kellem lil ħuh waqt li kienu fi stabbiliment tad-divertiment erba’ snin qabel seħħ il-każ.
Jidher li l-akkużat ħoloq żewġ konverżazzjonijiet, wara li ltaqa’ mal-Pulizija b’kumbinazzjoni għand il-ħabib tiegħu, fejn filwaqt li f’waħda taparsi kien ġuvni ta’ 17-il sena, fil-konverżazzjoni l-oħra taparsi kien adult ieħor. Minn konverżazzjoni għal oħra l-akkużat ħa kummenti differenti fejn għaqqadhom flimkien sabiex tidher bħala konverżazzjoni waħda.
Dwar il-karta bl-isem mal-pen drive, l-akkużat ċaħad li kien hu li poġġiha fl-envelopp fejn spjega kif din setgħet tpoġġiet mill-ħabib li jaħdem fil-Ministeru.
Wara li analizzat kollox, il-Maġistrat spjegat kif l-akkużat kien jaf x’kien qed jagħmel meta wettaq dan l-att fejn ordnat li jintbagħat tliet snin ħabs u ordnat iħallas €1,180 f’danni.
Il-Maġistrat ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga t-tielet persuna involuta f’dan il-każ.