Neville Abela ġie kkundannat tliet snin ħabs wara li naqas milli jobdi ordni ta’ probation.
F’Ġunju li għadda, Abela nstab ħati ta’ serq u li kien fil-pussess tad-droga kokaina u eroina. Huwa tqiegħed taħt ordni ta’ probation u ta’ trattament ħal tliet snin.
Madankollu huwa naqas milli jagħmel kuntratt mal-uffiċjal tal-probation bil-konsegwenza li ma ħalliex għażla oħra ħlief li jirrapportah lill-qorti.
L-Imħallef Giovanni Grixti nnota li Abela sab kull skuża biex ma jiltaqax mal-uffiċjal tal-probation u jibda programm ta’ rijabilitazzjoni. Huwa saħansitra ma baqax jgħix fl-istess dar li kien qed jgħix fiha mingħajr ma għarraf lill-qorti bir-residenza l-ġdida tiegħu.
L-imħallef qal li mhux se jaqta’ qalbu milli jara lil Abela jirriforma lilu nnifsu, iżda qal li l-għemil tiegħu anke fl-awla wera li ma kienx lest biex jaħtaf l-opportunità li ngħata. Żied li r-raġel kien qiegħed ikun ukoll ta’ periklu għall-qrabatu u kien qed jieħu post ħaddieħor li xtaq igawdi minn trattament.