Emanuel Bianchi ta’ 38 sena ntbagħat tliet snin ħabs wara li ammetta li seraq minn karozzi u hedded lill-Pulizija fil-Qorti għax skontu tefgħetu il-ħabs għalxejn.
Bianchi kien akkużat li f’Novembru li għadda seraq speakers minn karozza fi Triq il-Qalb ta’ Ġesù, Raħal Ġdid u li fl-istess xahar seraq basket minn karozza oħra fl-istess lokalità.
Kien akkużat ukoll li hedded pulizija fil-Qorti u li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija.
L-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u l-Qorti sabitu ħati għall-akkużi kollha għajr li huwa riċediv.
Il-Qorti qieset li l-akkużat għandu 18-il kundanna fosthom dwar serq, ksur ta’ liġijiet ta’ sewqan u droga.
Osservat li l-imputat ingħata diversi opportunitajiet mill-Qorti fosthom sentenzi ta’ probation u sentenzi sospiżi.
Innotat ukoll li huwa ammetta wara li tressaq il-Qorti b’arrest u beda jidgħi u jgħajjat fil-Qorti għax skontu kien tefgħuh il-ħabs għalxejn.
Apparti s-sentenza ta’ priġunerija, l-akkużat ġie ordnat iħallas multa ta’ €2,000.
Huwa ġie ordnat ukoll li ma jersaqx lejn il-Pulizija li hedded għal tliet snin minn meta joħroġ mill-ħabs.