Brendan Cachia ġie kkundannat tliet snin ħabs wara li ammetta li kkommetta tliet serqiet filwaqt li raġel u mara li kienu mixlija b’serqa miegħu wieġbu mhux ħati u baqgħu jinżammu arrestati.
Cachia, li għandu ħamsa u tletin sena mill-Birgu ammetta li fil-11ta’ April ikkommetta serqa minn garaxx f’Bormla, li fit-13 ta’April seraq mill-Ħamrun u li fis-17 ta’ April seraq minn sit ta’ kostruzzjoni fil-Kalkara.
Dwar is-serqa fil-Kalkara kienu mixlija ukoll Ramon Abela ta’ 46 sena minn Bormla u Josephine Alsulayman ta’ 46 sena li m’għandhiex indirizz fiss fejn toqgħod.
Waqt li Cachia kien ikkundannat tliet snin ħabs, iż-żewġ akkużati l-oħra wieġbu mhux ħatja, u talbu għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet miċħuda.