Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza ta’ tliet snin ħabs mogħtija lil anzjan ta’ 68 sena li nstab ħati li kkorrompa, abbuża sesswalment u offenda l-pudur tat-tifla t’oħt il-mara tiegħu.Meta seħħ il-każ sitt snin ilu, it-tifla kellha 13-il sena. Hija kienet allegat li l-anzjan, li jiġi z-ziju tar-rispett tagħha, kien jabbużaha meta kienet tmur tgħinu fil-ħanut, u meta kien jeħodha miegħu fir-razzett biex jagħlef lill-klieb.
Il-Qorti tħoss li għalkemm ma seħħitx penetrazzjoni, ir-reat huwa aggravat minħabba li l-imputat ħa vantaġġ tal-vulnerabbiltà tal-minuri wara li kienet tilfet lil ommha ftit tax-xhur qabel.
Il-Qorti tal-Appell, ppreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ċaħdet l-appell li sar mir-raġel u kkonfermat is-sentenza oriġinali meta kien instab ħati u weħel tliet snin ħabs.
L-anzjan tniżżel fir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri, u bil-għan li tiġi protetta l-identità tat-tifla, ġie ordnat divjett fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-imputat, tal-qraba u tal-minuri, u tal-postijiet fejn seħħew l-abbużi.