Fl-aħħar tliet snin, Gvern Laburista kompla jinvesti fl-infrastruttura ta’ pajjiżna, waqt li ħadem ukoll biex il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom aktar spazji miftuħa.
Fl-infrastruttura, il-Gvern, permezz tal-aġenzija Infrastructure Malta, kompla bl-investiment massiċċ tiegħu biex jitranġaw it-toroq kollha ta’ pajjiżna.
Dan bi proġetti bħal dak ta’ ħdejn l-Ajruport u l-ieħor biswitu f’Ħal Luqa, waqt li issa għaddejja ħidma fuq il-proġett infrastrutturali tal-Imsida Creek.
Il-Gvern qed jaħdem ukoll fuq l-inizjattiva ‘Vjal Kulħadd’, fejn tlesta l-ewwel proġett dak ta’ Triq Żabbar, li twassal miż-Żejtun għal Ħaż-Żabbar. Din l-inizjattiva se twassal għal trasformazzjoni ta’ 14-il żona differenti madwar pajjiżna, b’kollaborazzjoni u fuq ix-xewqa tal-kunsilli lokali, għal proġetti favur in-nies u l-komunitajiet.