Hekk kif ninsabu qrib l-istaġun tal-festi, il-Gvern ħabbar tliet skemi ta’ finanzjament immirati għall-festi Maltin b’investiment ta’ €500,000.
Dawn l-iskemi jinkludu: il-Fond għal Aktar Saħħa u Sikurezza fil-Kmamar tan-Nar, l-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-Għaqdiet tal-Armar tal-Festi u l-Iskema Ngħinu Finanzjarjament lis-Soċjetajiet tal-Banda.
Dawn l-iskemi tħabbru mill-Ministru responsabbli mill-Kultura, Owen Bonnici.
Din l-aħħar skema, li ġiet imnedija ħames snin ilu u titmexxa mill-Kunsill Malti għall-Arti flimkien mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, għandha valur ta’ €160,000 għal din is-sena. Dan il-fond għandu l-għan li jappoġġja numru ta’ inizjattivi proposti mill-każini tal-banda.
Dwar dan il-fond, il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda, Noel Camilleri qal li fl-aħħar tliet snin, 89 każini tal-banda gwadanjaw minn din l-iskema u għamlu diversi proġetti ta’ fejda.
Fond ieħor li twaqqaf fl-2018 huwa l-Fond għal Aktar Saħħa u Sikurezza fil-Kmamar tan-Nar, għandha allokazzjoni ta’ €170,000 u dan jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-kmamar tan-nar li jaħdmu fuq bażi volontarja. L-għan ta’ dan il-fond hu li jiffaċilita l-investiment sabiex tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura ta’ dawn il-kmamar tan-nar sabiex il-voluntiera jkunu jistgħu jaħdum f’ambjent aktar sigur. L-applikazzjonijiet huma miftuħa u se jibqgħu miftuħa sal-21 ta’ Marzu.
Skema oħra hija dik tal-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-Għaqdiet tal-Armar tal-Festi, li għandha valur ta’ €140,000. Din l-iskema tirrikonoxxi l-importanza tal-assoċjazzjonijiet tat-tiżjin tal-festi, assoċjazzjonijiet kulturali, u assoċjazzjonijiet soċjali li jaħdmu b’mod volontarju biex iħaddnu, jipproteġu, u jsaħħu t-tradizzjonijiet kulturali ta’ pajjiżna.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall sostna li dawn l-iskemi qed jgħinu biex ikompli jkun hemm l-espressjoni artistika permezz tal-kultura Maltija.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li dawn l-iskemi se jgħinu biex il-festi Maltin ikomplu jissaħħu.