Konvinti li se naħdmu tajjeb u ħerqana biex intaffu l-isfidi li hemm fis-soċjetà.
Din kienet ir-reazzjoni tas-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat għall-aħbar li r-raħal tiegħu se jkun qed jibda jgawdi mill-preżenza tal-Pulizija tal-Komunità.
Huwa stqarr: “Bħala Kunsill Lokali Swieqi kuntenti ħafna ħafna li se tibda din l-iskema, diġà bdejna nikkomunikaw mas-Surġent li se jmexxi din l-iskema. Tkellimna dwar l-isfidi u konvinti li se naħdmu tajjeb u ħerqanin li se ntaffu l-isfidi li hemm fis-soċjetà.”
Il-Korp tal-Pulizija nieda ħames taqsimiet oħra ta’ pulizija fil-komunità li bejniethom se jkunu qed jolqtu ħdax-il lokalità madwar il-pajjiż.
Il-proġett tal-pulizija fil-komunità ġie estiża għal-lokalitajiet ta’ Marsaxlokk, Birżebbuġa, Pembroke, Swieqi, Fgura, Rabat, Ħad-Dingli, Mtarfa, Mdina, Floriana u Valletta wara sejħa interna fil-korp għal uffiċjali interessati f’dan il-proġett.
L-ewwel proġett ta’ pulizija fil-komunità tħaddem fil-Mellieħa sena ilu fejn il-Pulizija wettqu diversi rondi bil-mixi, mexxew kampanja t’għarfien u taw diversi twissijiet.
Stħarriġ tar-riżultati mill-Mellieħa juru punti notevoli fosthom issaħħet il-fiduċja fil-pulizija u żdiedu r-rondi u l-għajnuna mill-pulizija.
Ir-riċerka wriet li r-residenti indikaw jippreferu jaraw aktar pulizija preżenti fit-toroq milli ġewwa l-għassa.
F’dan il-kuntest, is-Sindku Rabti Sandro Craus kien tal-istess fehma filwaqt li spjega li il-Pulizija fil-Komunità se tkun qed tgħaqqad lir-resident mal-kunsill lokali u mal-Pulizija.
Huwa qal: “Dan il-proġett huwa importanti għax se jgħaqqad 3 stakeholders flimkien; il-Kunsill Loakli, ir-Resident u l-Pulizija. Din id-darba l-Pulizija se jinżlu fit-toroq u se neliminiaw sfidi u minn affarijiet negattivi se ndawruhom f’pożittivi.”
Pierre Dalli, li huwa s-Sindku tal-Fgura wkoll laqa’ l-fatt li issa l-Pulizija se tkun aktar viċin in-nies.
Is-Sur Dalli sostna: “Bħala Kunsill Lokali meta ġejna avviċinati lqajnieha b’mod sodisfaċenti minħabba l-fatt li issa se nkunu viċin in-nies u nkunu aktar siguri.”