F’operazzjoni delikata u studjata ferm tal-Pulizija Maltija, ġew arrestati tliet Rumeni li jiffurmaw parti minn grupp ta’ ċirku ta’ kriminalità organizzata internazzjonali li jwettaq reati ta’ serq minn fuq persuni f’postijiet pubbliċi.
L-irġiel tressqu l-Qorti l-Erbgħa filgħodu mixlija b’sensiela ta’ serqiet u baqgħu jinżammu arrestati.
L-imputati huma Theodor Dumitrescu ta’ erbgħa u ħamsin sena, Vasilica-Ionel Harabagiu ta’ disgħa u tletin sena u Marian Tenescu ta’ erbgħin sena.
Il-Qorti ffriżat l-assi tagħhom.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li r-Rumeni ilhom iwettqu reati ta’ dan it-tip sa mill-elfejn u għaxra, inkluż f’pajjiżi Ewropej oħra u f’postijiet popolari mat-turisti.
Fil-fatt, mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-grupp ta’ kriminali jmur fejn ikun hemm postijiet iffullati, l-aktar fuq karozzi tal-linja, biex jużaw ir-rassa bħala għodda faċli li biha jisirqu minn fuq in-nies.
Jirriżulta li huma wettqu serq f’Malta matul dan is-sajf u telqu lejn pajjiż ieħor, iżda l-Pulizija Maltija kellha informazzjoni li dawn ir-Rumeni kienu reġgħu ġejjin f’pajjiżna.
F’ħidma konġunta ma’ Korpi tal-Pulizija oħra fl-Ewropa, ġew segwiti r-Rumeni li t-Tnejn li għadda qabdu ajruplan minn Budapest fl-Ungerija lejn Malta.
Il-Pulizija Maltija segwewhom mal-wasla tagħhom f’Malta fejn qabdu karozza tal-linja, waslu sa lukanda f’San Ġiljan u ġew arrestati.