Il-Gvern se jinvesti tliet mija u ħamsa u ħamsin elf ewro fi tliet proġetti ta’ tisbiħ fl-urban fis-Swieqi u l-Mellieħa.
Dan tħabbar mill-Ministeru għall-Ambjent, bil-fondi ġejjin mid-Development Planning Fund.
Il-Ministru Aaron Farrugia rrimarka kif mija u ħamsin elf ewro minn dawn il-fondi se jkunu investiti mill-Awtorità tal-Ippjanar għat-tisbiħ fi Ġnien Esprit Barthet fis-Swieqi.
Dan flimkien ma’ xogħlijiet oħra fl-inħawi u titjib fl-immaniġġjar tat-traffiku madwar iż-żona tal-ġnien.
Mill-istess fondi, fis-Swieqi se jsir proġett ta’ estensjoni għall-clubhouse eżistenti fil-ġnien pubbliku maġenb tennis court fi Triq il-Ħemel, b’investiment ta’ tmenin elf ewro.
Intant fil-lokalità tal-Mellieħa, madwar mija u tmienja u għoxrin elf ewro se jintużaw mill-Awtorità tal-Ippjanar għal titjib tad-dawl fit-toroq.
Iċ-Chairperson tad-Development Planning Fund, il-Perit Vincent Cassar ħeġġeġ lill-Kunsilli lokali biex jagħmlu użu minn dawn il-fondi.
Qal, “Jien ovvjament inħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali kollha li jiġu għand l-Awtorità bi proġetti simili. L-importanza hija li nkomplu nsebbħu l-lokalitajiet tagħna.”
Il-Ministru Aaron Farrugia tenna li l-għan tal-Gvern huwa li jappoġġja proġetti li jtejbu l-ambjent urban u l-kwalità tal-ħajja, u sostna li l-ħidma tal-Awtorità tal-Ippjanar qed tkun ta’ spalla għall-kunsilli lokali.
Spjega, “Huwa b’dan il-mod allura li l-Awtorità qed tgħin lil dawn il-Kunsilli Lokali jimxu lejn oriżżonti ġodda fejn qed inħaddru u nagħtu ħajja ġdida lil żoni ferm urbanizzati.”