Ħaż-Żabbar ser jara tliet proġetti ta’ tħaddir fi spazji urbani, b’investiment ta’ kważi żewġ miljun ewro.
Ix-xogħlijiet se jsiru fi Triq is-Santwarju, Triq Biċċieni u Triq Santa Duminka.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia, mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana u mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat.
L-ewwel proġett se jsir fi Triq is-Santwarju u ħa jkun qed jikkonsisti f’ feature wall bl-ilma u ħitan ħodor, qsari u tħawwil ta’ siġar.
Filwaqt li l-proġetti pjanati għal Triq Biċċieni u Triq Santa Duminka ħa jkunu qed isebbħu l-parkeġġ eżistenti bl-introduzzjoni ta’ soqfa ħodor.
Il-Ministru Aaron Farrugia qal kif dan il-proġett jikkumpliment proġetti oħra f’żoni urbani li qed isiru madwar il-pajjiż.
Qal, “Smajna l-għajta tal-familji Maltin u Għawdxin illi jixtiquna nħaddru ż-żoni urbani fejn jaħdmu u ta’ fejn jgħixu. Dan għamlinih f’diversi postijiet bħalissa għaddejjin xogħlijiet fil-Ħamrun, f’Ħal Qormi u Mosta u hawnhekk fejn ninsabu Ħaż Żabbar.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal ukoll kif dawn il-proġetti saru bil-ħsieb li jirrispettaw l-użu ta’ dawn l-ispazji mituħa kemm bħala żoni ta’ parkeġġ kif ukoll għal użi oħra fosthom għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tar-raħal.
Dan minbarra li se jkunu qed jipprovdu spazju ta’ rikreazzjoni għar-residenti.
Dawn il-proġetti se jinkludu wkoll l-użu ta’ pavimentar speċjali għall-parkeġġi li jippermetti li jikbru x-xtieli.
Iżda dan mhux l-unika proġett li sar f’Ħaż Żabbar sabiex ittejjeb l-infrastruttura, hekk kif il-Ministru Clyde Caruana spjega xogħlijiet oħra li saru.
Spjega, “Irrid ngħid ukoll li li fit-toroq fil-viċin Infrastruttura Malta din is-sena għamlet xogħlijiet li jiswew minn tal-inqas ħdax għal tnax-il miljun ewro u dan kollu jkompli jwassal sabiex il-ħajja kif ukoll l-ambjent f’Ħaż-Żabbar tkompli titjieb.”
Fi kliem is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat, il-proġetti ġew iffinanzjat mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF bl-għajnuna mill-Ministeru għall-Finanzi, se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-madwar.
Qal, “Investiment importanti ħafna li jista’ jsir bis-saħħa tal-NDSF, il-familji dak li jridu spazji miftuħa qrib id-djar tagħhom fi ħdan il-komunità sabiex flimkien mal-familji tagħhom ikunu jistgħu jgawdu dawn l-ispazji ġodda.”