Ġew imħabbra tliet proġetti ta’ użu tal-Blockchain minn entitajiet tal-Gvern.
Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ta rendikont tat-tliet proġetti differenti.
Filwaqt li spjega kif dawn il-proġetti ser ikomplu l-proċess ta’ implimentazzjoni tal-istrateġija li saret dwar teknoloġija emerġenti u blockchain huwa beda billi spjega l-proġett li ser ikun qed isir fid-dipartiment tal-kummerċ li jagħmel parti mill-Ministeru tiegħu.
Huwa fisser: “Illum qegħdin naraw kif qed inkomplu nimplimentaw parti minn dik l-istrateġija u ħabbart tliet proġetti innovattivi fejn jidħol is-settur pubbliku fosthom proġett minnhom li jirrigwardja t-trademarks fejn persuna li jekk toħroġ b’idea innovattiva tirreġistra dik l-IP tagħha sabiex ma jkun jista’ joħodielha ħadd u permezz tat-teknoloġija tal-blockchain, m’hemm l-ebda metodu kif din tista’ tiġi forged jew imbagħabsa.”
Proġett ieħor ser ikun dwar proposta mmexxija mill-Ministeru għal Għawdex fejn ser jagħmilha faċli għall-konsumatur li jiċċekja jekk il-prodott li jixtri ikunx wieħed magħmul fil-gżira tat-tliet għoljiet.
Dan permezz ta’ proċess li fih il-prodott ikun stampat b’mod diġitali, tant li meta l-konsumatur jiskenja l-QR Code fuq il-pakkett, dan jingħata rendikont sħiħ dwar il-prodott.
It-tielet proġett huwa wieħed li ser isaħħaħ l-Awtorità tal-Ippjanar.
Dan hekk kif ser tkun qed tintuża l-blockchain sabiex tiżdied is-sigurtà għal dokumenti sensittivi.
Għal dawn it-tliet proġetti issa infetħet sejħa pubblika sabiex jersaq ’il quddiem min hu interessat jimplimentahom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali stqarr li permezz ta’ din is-sejħa pubblika għat-tħaddim tal-proposti mħabbra qed ikompli jikber l-għarfien dwar il-benefiċċji ta’ dawn it-teknoloġiji innovattivi.
Filwaqt li l-Ministru Silvio Schembri nnota li t-teknoloġija ta’ Blockchain ma tieqafx biss mal-cryptocurrencies.
Huwa stqarr li anke f’dan is-settur pajjiżna sejjer tajjeb hekk kif skont l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, diġà hemm 40 kumpanija jew kumpaniji li jipprovdu s-servizz, liċenzjati li jaħdmu fis-settur tal-Assi Finanzjarji Virtwali, filwaqt li qiegħda tipproċessa 306 applikazzjonijiet oħra.