Fil-Birgu, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed iwettaq tliet proġetti ewlenin b’investiment ta’ aktar minn miljun ewro. Dawn jinkludu r-riġenerazzjoni ta’ spazju fi Triq San Lawrenz, it-tħejjija għax-xogħol infrastrutturali f’diversi toroq, u t-tlestija tal-Klabb House tar-Regatta.
Fil-ġimgħat li ġejjin, se jitlesta l-proġett fi Triq San Lawrenz, fejn qed isir titjib fl-aċċessibbiltà u aktar spazji għall-parkeġġ. Il-Klabb House tar-Regatta jinsab fl-aħħar fażi, b’bini ta’ sular ġdid, installazzjoni ta’ lift u xogħlijiet estensivi ta’ rinnovazzjoni.

Barra minn hekk, ġie ffirmat Memorandum of Understanding biex Triq Wenzu Dyer, Triq il-Lvant u Triq Melchiorre Gafa jingħataw titjib infrastrutturali kruċjali.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia saħaq li dawn il-proġetti huma riżultat ta’ djalogu kontinwu mal-Kunsill Lokali u l-għaqdiet volontarji, bil-għan li titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Is-Sindku tal-Birgu John Boxall rringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għall-ħidma li tant kienet mixtieqa mir-residenti.