Tliet persuni mill-Venezwela, żewġt irġiel ta’ 31 sena u 24 sena u mara ta’ 36 sena li jgħixu kollha s-Swieqi ġew arrestati wara li ħebbew għall-uffiċjali tal-Pulizija.
Il-każ seħħ is-Sibt għall-ħabta tat-3:30 ta’ filgħodu, meta l-Pulizija rċiviet diversi rapporti dwar mużika li kienet qed tindaqq b’volum għoli ħafna fl-inħawi tax-Xatt ta’ Spinola, f’San Ġiljan.
Fuq il-post marru żewġ Pulizija tad-Distrett, fejn innutaw grupp kbir ta’ persuni li kienu qegħdin idoqqu l-mużika f’post pubbliku.
Huma ġew mitluba sabiex jitfu l-apparat.
Iżda dawn naqsu milli jobdu l-ordnijiet, il-pulizija kellhom jikkonfiskaw dan l-apparat.
Kien hawnhekk meta l-pulizija sfaw attakkati u l-Pulizija sofrew xi ġrieħi.
Hawnhekk intalbet l-assistenza u fuq il-post marru l-pulizija mar-Rapid Intervention Unit.
Fuq il-pulizija li ġew attakkati saret ħsara fl-uniformi tagħhom u ż-żewġ pulizija ttieħdu f’ċentru tas-saħħa, fejn huwa ġew iċċertifikati li weġgħu ħafif.
It-tliet persuni se jitressqu l-Qorti għall-ħabta ta’ 10 ta’ dalgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa, Charmaine Galea.