Tliet persuni fosthom tifel ta’ ħames snin indarbu f’inċident f’Misraħ Karlu Diacono, iż-Żejtun.
L-inċident seħħ fis-siegħa u kwart ta’ waranofsinhar, fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel ta’ sitta u għoxrin sena residenti Ħaż-Żabbar, mara ta’ tlieta u għoxrin sena sena residenti Marsascala u tifel ta’ ħames snin sofrew ġrieħi kawża ta’ nirien li ħakmu l-karozza li kienu fiha kawża ta’ xi ‘flares’.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ssejħu fuq il-post sabiex jassistu filwaqt li l-vittmi ngħataw l-assistenza minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Mater Dei.
Il-mara ġiet iċċertifikata bi ġrieħi serji, it-tifel bi ġrieħi gravi u r-raġel bi ġrieħi ħfief.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.