Il-Pulizija Awstrijaka għaddejja bit-tfittxijiet għas-suspettat aggressur f’attakk terroristiku fil-kapitali Vjenna li ħalla tliet persuni mejta.
Madwar tnax-il persuna oħra ndarbu, uħud minnhom serjament, wara li l-aggressuri fetħu n-nar f’sitt postijiet differenti fiċ-ċentru tal-kapitali Awstrijaka t-Tnejn filgħaxija.
Wieħed mis-suspettati nqatel mill-Pulizija.
Il-Ministru għall-Intern Karl Nehammer iddeskriva lill-aggressur li nqatel mill-Pulizija bħala “terrorist Iżlamiku”.
F’konferenza tal-aħbarijiet, huwa qal li l-aggressur kien jagħmel parti mill-grupp ta’ militanti tal-Istat Iżlamiku, u dan ġie kkonfermat wara li saret tfittxija fid-dar tiegħu.
Aktar kmieni, il-Ministru qal li minn tal-inqas raġel ieħor li hu maħsub armat sa snienu u perikoluż, għadu ma nstabx, u appella lin-nies biex jevitaw iċ-ċentru ta’ Vjenna u biex il-ġenituri ma jiħdux lit-tfal l-iskola.
L-isparaturi bdew biswit sinagoga fiċ-ċentru tal-belt, għalkemm
L-attakk terroristiku seħħ sigħat biss qabel mal-Awstrija imponiet restrizzjonijiet nazzjonali biex tikkontrolla l-firxa tal-COVID-19, u għalhekk kienu ħafna li kienu f’bars u ristoranti qabel għalqu l-bibien tagħhom f’nofsillejl.
Dan l-attakk ġie kkundannat mill-mexxejja Ewropej, fosthom il-Prim Ministru Malti Robert Abela, li fuq Twitter kiteb li jinsab dispjaċut b’din l-aħbar.
Huwa kkundanna l-attakki terroristiċi u wassal il-ħsibijiet tiegħu lill-qraba tal-vittmi u n-nies ta’ Vjenna.
F’kitba fuq il-midja soċjali, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo kiteb li l-attakk seħħ fl-inħawi tal-ambaxxata Maltija fi Vjenna u żied li l-ħaddiema ġew mitluba jaħdmu mid-dar biex jevitaw kull periklu.