Minn tal-inqas tliet persuni huma mejta filwaqt li eluf oħra ġew evakwati matul dan tmien il-ġimgħa minħabba n-nirien li ħakmu foresti magħrufa bħala bushfires fl-Awstralja.
Il-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison qal li l-militar jista’ jissejjaħ biex jassisti lill-1,300 pompier li qed jaħdmu fl-istati ta’ New South Wales u Queensland. Mijiet ta’ persuni ċivili wkoll offrew li jagħtu l-għajnuna tagħhom. Huwa għadda l-ħsibijiet tiegħu lejn dawk li tilfu ħajjithom kif ukoll il-familji tagħhom.
Fi Queensland eluf ta’ persuni qattgħu l-lejl fiċ-ċentri ta’ evakwazzjoni waqt li uffiċjali spezjonaw l-inħawi biex jaraw jekk hux sigur li r-residenti jerġgħu jirritornaw id-dar. Filwaqt li 150 dar inqerdet fi New South Wales.
Il-kundizzjonijiet estremi tat-temp qed isaħħu n-nirien biex ikomplu jinfirxu. Qed jingħad li t-temperaturi għoljin, l-umdità baxxa u l-irjieħ qajjiwa li huma mbassra minn nofs il-ġimgħa se jżidu d-diffikultà għall-pompiera biex jikontrollaw in-nirien.