Tliet persuni nqatlu f’attakk b’sikkina fil-Bażilika ta’ Notre-Dame f’Nizza fi Franza. Is-Sindku ta’ Nizza Christian Estrosi qal li kollox jindika li dan l-attakk huwa att terroristiku, madanakollu l-pulizija għadhom ma kkonfermawx il-mottiv għall-attakk.
Waħda mill-vittmi, anzjana li kienet qed titlob fil-knisja, spiċċat b’rasha maqtugħa, filwaqt li uffiċjal tal-Bażilika spiċċa b’għonqu mħanxar waqt li kien qed jipprepara għal quddiesa, It-tielet vittma rnexxielha toħroġ mill-knisja u tmur f’kafetterija viċin, iżda mietet ftit wara kawża tal-ġrieħi li ġarbet mill-attakk.
Is-Sindku ta’ Nizza qal li s-suspettat qattiel instema’ jirrepeti l-frażi Allahu Akbar. Is-suspettat ġie arrestat ftit wara li seħħ l-attakk.
Intant, il-President Franċiż Emmanuel Macron mar fuq il-post fejn seħħ l-attakk.
Huwa qal li Franza tinsab taħt attakk mill-Iżlamiċi u qal li l-protezzjoni se tiżdied madwar l-iskejjel. Macron żied jgħid li Franza mhix se ċċedi quddiem dan it-terrur.
Dan l-attakk seħħ ġimagħtejn wara l-qtil brutali ta’ Samuel Paty, għalliem li spiċċa b’rasu maqtugħa, wara li wera karikatura tal-Profeta Muhammad lill-istudenti tiegħu waqt lezzjoni dwar il-libertà tal-espressjoni.
Dan l-attakk kien nissel rabja fost il-Franċiżi filwaqt li l-President Franċiż esprima l-istess sentiment. Macron kien fil-mira ta’ attakki verbali mill-President Tork Recep Tayyip Erdogan, fejn saħansitra qallu li għandu bżonn trattement għas-saħħa mentali.
Intant, il-President Tork ingħaqad ma’ numru ta’ pajjiżi Musulmani f’bojkott ta’ prodotti Franċiżi filwaqt li ħeġġeġ lill-politiċi Ewropej biex iwaqqfu skont huma, kampanja ta’ mibegħda li qed imexxi l-President Franċiż Emmanuel Macron.
Bħalissa dimostranti f’pajjiżi Musulmani qed inaddfu l-ixkafef tal-ħwienet minn prodotti Franċiżi bħala protest għal dak li qal il-President Franċiż.