Tliet persuni ttieħdu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura wara li kienu nvoluti f’inċident li seħħ dalgħodu għall-ħabta tat-tmienja u għaxra fi Triq l-Imġarr f’Għajnsielem.
Vettura tat-tip Isuzu Gemini misjuqa minn mara ta’ tnejn u tletin sena residenti x-Xagħra Għawdex kellha impatt ma’ vettura tat-tip Iveco li kienet ipparkjata.
Żewġt irġiel – wieħed t’erbgħa u tletin sena mix-Xagħra u l-ieħor ta’ sebgħa u tletin sena miż-Żurrieq, kienu passiġġiera fil-vettura mal-mara.
Huma ttieħdu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’ambulanza, fejn aktar tard ir-raġel residenti Għawdex ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi gravi u dak residenti ż-Żurrieq ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief. Il-mara qed issofri minn ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.