Tliet persuni ddaħħlu l-Isptar Mater Dei għall-kura, wara li weġġgħu f’żewġ inċidenti tat-traffiku separati, ilbieraħ.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart fi Triq il-Marfa, fil-Mellieħa – fejn mara ta’ 50 sena, residenti r-Rabat Għawdex, weġġgħet gravi, wara li tilfet il-kontroll tal-vettura li kienet qed issuq u baqgħet dieħla f’arblu tad-dawl. Il-passiġġier, raġel ta’ 29 sena li wkoll jgħix ir-Rabat Għawdex, weġġa’ ħafif.
It-tieni inċident seħħ għall-ħabta ta’ nofsillejl neqsin kwart, fi Triq il-Kappillan Mifsud, fil-Ħamrun, fejn raġel ta’ 23 sena residenti f’Santa Venera, weġġa’ gravi wara li intlaqat waqt li kien qed isuq il-mutur, minn vettura li baqgħet sejra.
Tim mediku ta l-assistenza fiż-żewġ inċidenti, filwaqt li l-persuni kollha ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.