Ilbieraħ, għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq ix-Xagħra, ix-Xagħra, Għawdex.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn żewġ karozzi, waħda misjuqa minn raġel ta’ 74 sena residenti x-Xagħra u oħra misjuqa minn Albaniż ta’ 33 sena.
Mar-raġel tal-74 sena, kien hemm mara ta’ 73 sena residenti x-Xagħra wkoll.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lit-tliet persuni l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Iktar tard, l-irġiel ġew iċċertifikati bi ġrieħi ħfief filwaqt li l-mara ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.