Tliet persuni ndarbu b’wieħed minnhom ġarrab ġrieħi serji f’argument li kien jinvolvi l-użu ta’ ħadida fil-Marsa.
Il-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun u tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri qegħdin jinvestigaw allegat argument li seħħ fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu fil-Marsa.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-tlieta u nofs meta l-Pulizija ġew infurmati li f’żewġ postijiet differenti qrib il-Park and Ride tal-Marsa, kien hemm żewġt irġiel mixħuta mal-art b’diversi ġrieħi.
Ftit ħin wara daħal fl-għassa tal-Ħamrun raġel ieħor mimli dmija u ntilef minn sensih.
Waqt li t-tlett irġiel ittieħdu għal kura l-Isptar Mater Dei, bdiet l-investigazzjoni mill-Pulizija fejn mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kien seħħ argument bejn it-tliet persuni f’post fi Triq is-Serkin, il-Marsa.
It-tlett irġiel ġew identifikati bħala Sirjan ta’ erbgħa u tletin sena, Libjan ta’ wieħed u tletin sena u Somalu ta’ tletin sena.
Aktar tard, is-Sirjan ġie ċċertifikat li għandu ġrieħi serji, filwaqt li ż-żewġt irġiel l-oħra sofrew ġrieħi gravi.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello.