Tliet persuni tilfu ħajjithom u għadd ta’ persuni ndarbu, wara li ferrovija ħarġet mill-binarji fil-Greċja.
Il-ferrovija, li kienet qed tivvjaġġa minn Ateni, baqgħet dieħla f’dar meta telqet mill-belt ta’ Thessaloniki.
Resident li jgħix fl-istess propjetà qal li hu leħaq ħarab billi qabeż mill-gallarija kif ra l-ferrovija ġejja lejn id-dar.
Għadu mhux magħruf x’wassal biex din il-ferrovija toħroġ mill-binarji. Il-vittmi għadhom iridu jiġu identifikati iżda l-midja lokali tal-Greċja qed tirrapporta li l-vittmi jinkludu passiġġier wieħed u żewġ membri tal-istaff.
Il-ferrovija kienet qed iġġorr madwar 70 passiġġier, fejn bosta minnhom ġew evakwati f’madwar tliet sigħat minn x’ħin seħħ l-inċident is-Sibt filgħaxija. Fost dawk midruba hemm is-sewwieq tal-ferrovija.